L-inkompetenza grassa tal-Gvern fl-immaniġġjar tal-iskart twassal għal azzjoni mill-UE wara snin ta’ twissijiet mill-PN

Posted by:

|

On:

|

Rekord ta’ mmaniġġjar ħażin, kunflitti ta’ interess u miri ambjentali mhux milħuqa

Il-Partit Nazzjonalista ilu snin iwissi dwar in-negliġenza u l-inkompetenza grassa tal-Gvern fejn għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-iskart. Issa, il-Kummissjoni Ewropea b’mod formali fetħet Proċeduri ta’ Ksur kontra Malta talli kisret ir-regoli tal-UE dwar il-miżbliet. Din hija l-aħħar f’serje twila ta’ fallimenti tal-Gvern Laburista fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Il-pakkett ta’ Infringements tal-Kummissjoni Ewropea għal Ottubru 2025 iwissi lil Malta għaliex qed tarmi l-iskart f’miżbliet mingħajr ma jkun isseparat kif suppost u għaliex qed tiddependi żżejjed fuq il-landfilling bħala l-metodu primarju ta’ rimi tal-iskart, minkejja twissijiet ripetuti mill-UE.

Ir-rata ta’ riċiklaġġ u użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali f’Malta bħalissa hija biss ta’ 13% (skont l-aħħar ċifri disponibbli għall-2022) meta mqabbla mal-medja Ewropea ta’ 49%. Għall-iskart tal-ippakkjar, ir-rata hija ta’ 32% biss, ferm taħt il-miri tal-2025 ta’ 55% u 65% rispettivament. Il-Kummissjoni Ewropea wissiet li Malta tinsab fit-triq li tfalli milli tilħaq il-miri ta’ din is-sena jekk ma jsirux “riformi u investiment urġenti”.

Problem kbira oħra tibqa’ l-ammont għoli ta’ skart iġġenerat ras għal ras. Skont il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart fit-Tul tal-gvern stess, kull sors ta’ skart mistenni jikber b’1% fis-sena għal kull persuna. Dan jimplika li l-miżuri ta’ riċiklaġġ ma kinux effettivi biżżejjed u li l-miżuri biex in-nies jiġu mħeġġa jipproduċu inqas skart mhumiex ambizzjużi daqs kemm suppost. Hawn hi kronoloġija tan-nuqqasijiet fl-immaniġġjar tal-iskart:

  • Qabel l-2013: Il-Gvern Nazzjonalista jipproponi proġett ta’ waste-to-energy li kellu jkun konkluż sal-2022.
  • 2014: Il-Gvern Laburista jikkritika l-proposta tal-PN għal impjant waste-to-energy u jwettaq studju li sewa lill-poplu miljun ewro, u li qal li l-iskart kollu għandu jiġi esportat. Dan il-pjan qatt ma ġie implimentat.
  • 2018: Il-Gvern Laburista jaħtar kumitat li jgħid li issa hemm bżonn ta’ impjant waste-to-energy ferm ikbar għal Malta. Il-proġett kellu jkun lest sal-2023.
  • 2020: It-tender għall-proġett waste-to-energy jinħareġ għall-ewwel darba.
  • 2021: Jiġi identifikat kunflitt ta’ interess fl-istudji ambjentali essenzjali tal-proġett u kellhom isiru mill-ġdid.
  • 2021: It-tender ifalli hekk kif l-offerenti kollha jirtiraw minħabba inkompetenza tal-Gvern.
  • 2022: It-tender għall-proġett waste-to-energy jinħareġ għat-tieni darba.
  • 2023: Il-kuntratt tal-proġett tal-waste-to-energy ta’ €600 miljun fil-Magħtab jiġi mogħti b’mod kontroversjali.
  • 2024: Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ Proċeduri ta’ Ksur wara li Malta falliet milli tilħaq il-mira ta’ 50% ta’ riċiklaġġ tal-iskart muniċipali.
  • Marzu 2025: Wara talba tal-PN, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) jaqbel li jinvestiga l-proċess kollu tal-kuntratt tal-impjant waste-to-energy fost allegazzjonijiet serji ta’ irregolaritajiet u kunflitti ta’ interess.
  • Ottubru 2025: Il-Qorti tal-Appell tħassar it-tieni tender tal-impjant waste-to-energy, u tikkonferma li l-kumitat tal-evalwazzjoni u l-bord tar-reviżjoni kienu mtebbgħa b’kunflitti ta’ interess, u li d-deċiżjonijiet tagħhom kienu irregolari.

Dan l-iskandlu mhux biss ikkomprometta aktar il-kapaċità tal-miżbliet u wassal biex jinħarġu diversi permessi biex tikber il-landfill, waqt li ttardja proġett kruċjali għat-tranżizzjoni tal-iskart f’Malta imma anke poġġa f’periklu miljuni ta’ ewro f’fondi pubbliċi waqt li kompla jitfa’ lill-pajjiż lura f’dak li għandu x’jaqsam mal-miri tal-UE li jrid jilħaq.

Il-PN: Soluzzjonijiet veri, mhux skandli
Filwaqt li l-Gvern Laburista ħalla din il-problema tkompli tikber, il-Partit Nazzjonalista ilu jressaq u jaħdem fuq soluzzjonijiet konkreti u bbażati fuq l-evidenza.

F’livell lokali u residenzjali, il-Partit Nazzjonalista nieda Innaddfu lil Malta – dokument ta’ konsultazzjoni pubblika li jipproponi ideat innovattivi bħal bins taħt l-art, trakkijiet tal-iskart b’kompartimenti differenti għall-iskart separat, flotta elettrika għall-ġbir tal-iskart, infrastruttura ta’ smart bins, u studju komprensiv tal-carrying capacity għal kull lokalità biex jinħadmu strateġiji ta’ skart ibbażati fuq id-data.

Fuq livell nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat biex jgħin lil Malta tilħaq il-miri kollha ambjentali u tal-enerġija kemm jista’ jkun malajr, li wieħed mill-elementi kruċjali tagħhom huwa pjan fit-tul għall-ekonomija ċirkolari li jnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart u d-dipendenza fuq il-miżbliet.

Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ambjent

Eve Borg Bonello
Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika

10.10.2025